top of page
Search
Writer's pictureFKNK

BIRDLIFE MALTA TIPPRETENDI LI HI ‘L FUQ MILL-ISTAT MALTI

  • Il-BirdLife Malta qegħda sfaċċatament tisfida l-liġi u lill-awtoritajiet Maltin, bil-għan li tipperikola l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar ir-riċerka fuq l-għasafar tal-għana. 

  • Dan in-nuqqas ta’ koperazzjoni ta’ BirdLife ma’ espert internazzjonali miġjub mill-awtoritajiet Maltin hija xhieda tal-ħtieġa li tinbidel il-liġi dwar ir-riċerka fuq l-għasafar tal-passa, kif wara kollox diġa’ ntalab mill-Ombudsman u kien hemm qbil mill-Kumitat Ornis. 



BirdLife Malta qegħda tgħażel li ma tikkoperax ma’ riċekatur internazzjonali li nġib mill-awtoritajiet Maltin u li hija obligata li tirrikonoxxi bħala tali u għaldaqstant tikkopera miegħu, għaliex sal-lum il-liġi dwar ir-riċerka tal-għasafar bil-metodu magħruf bħala ‘bird ringing’ tgħajjat lilha.  L-iskema ta’ bird ringing għadha tgħajjat esklussivament lill-BirdLife Malta anke jekk l-Ombudsman, kif ukoll l-Avvukat Ġenerali, diġa’ ddikjaraw bl-iktar mod ċar li din is-sitwazzjoni għandha tinbidel.  Sakemm tinbidel, l-inqas ħaġa li kellha tagħmel BirdLife hi li tikkopera mal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) u tipprovdi ċ-ċrieket għar-riċerka bil-kelma Malta fuqhom lill-espert li qiegħed Malta jassisti f’din ir-riċerka.  B’dawn iċ-ċrieket l-espert Irlandiż ikun jista’ jdur man-nassaba u jigwida r-riċerka li qiegħda ssir.  Il-WBRU anki ħarġet il-liċenzja lokali ta’ bird-ringing lil dan l-espert, l-istess tip ta’ liċenzja li l-WBRU toħroġ lill-bird ringers lokali ta’ BirdLife Malta. 


BirdLife Malta għandha tieqaf taħseb li hi ‘l fuq mill-awtoritajiet jew mill-istat Malti.  Dan pajjiż li jħaddem is-saltna tad-dritt u f’saltna tad-dritt tikkopera mal-awtoritajiet meta dak li qiegħed isir qed isir proprju biex Malta tkun konformi anke ma’ liġijiet Ewropej.  Din it-tip ta’ arroganza hija maħsuba biex tfixkel il-pożizzjoni ta’ Malta, u llum għandna prova mill-iktar ċara dwar kemm kellu raġun l-Ombudsman meta qal li l-liġi kif inhi mhux ideali u għandha tinbidel.  Quddiem dawn iċ-ċirkostanzi l-liġi għandha tinbidel mill-iktar fis possibbli kif wara kollox diġa’ ġie diskuss u maqbul fil-kumitat Ornis.  B’kuntrast BirdLife Malta tikkopera bil-kbir meta l-koperazzjoni tfisser li tingħata medded kbar ta’ art pubblika  flimkien ma mijiet ta’ eluf ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu Malti mill-awtoritajiet governattivi kull sena, ħafna milliema flus aktarx qed jintużaw biex jiffinanzjaw operazzjonijiet ta’ spjunaġġ u fastidju kontra l-kaċċaturi u n-nassaba, aktar milli għal miżuri ta’ konservazzjoni maħsuba, u b’hekk jagħmlu wkoll ħsara lir-relazzjonijiet barranin tal-gvern Malti.  Għal kuntrarju ta’ dan, l-kaċċatur u nassab jikkontribwixxi mijjiet ta’ eluf ta’ euro kull sena fl-liċenzji u assikurazzjonijiet biex ikun jista jipprattika l-kaċċa w l-insib, mentri l-BirdLife Malta ma tikkontribwixxi xejn.


Declan Coney huwa l-bird ringer mill-Irlanda liċenzjat, kwalifikat u b’esperjenza li qiegħed f’Malta biex jassisti fir-riċerka bħala parti mit-tħaddiem tad-deroga dwar l-insib għall-għasafar tal-għana għal skop ta’ riċerka.  Bħala parti mill-ħidma tiegħu talab iċ-ċrieket lill-BirdLife Malta għax sal-lum, kontra kull prattika f’pajjiż ieħor, il-possibilta’ ta’ bird-ringing f’Malta hija possibli issir biss minn din l-NGO.  BirdLife Malta, b’arroganza u bi sfida diretta lejn l-awtoritajiet, qed tgħażel li ma tikkoperax.  Dan meta l-istess Coney huwa affiljat ma’ skema internazzjonali li hi l-istess waħda li l-BirdLife hija affiljata fiha.  








U hawn bilfors nistaqsu, mela r-regulatur, jiġifieri l-WBRU, li ironikament kien appuntat biex jiffaċilita’ ir-relazzjonijiet bejn il-gvern u l-kaċċaturi u n-nassaba, qiegħed hemm biex jirregola lilna biss?  U nkomplu nistaqsu, kif kien jirreaġixxi l-WBRU kieku xi kaċċatur u / jew nassaba jisfida r-regolamenti u saħansitra l-obligi tal-liċenzja li tkun ħarġitlu l-istess WBRU?  Għalhekk aħna ninsabu mħasbin kif rigward dawn l-abbużi u sfidi diretti tal-BirdLife, sallum, il-WBRU għada la tnifset u l-anqas ħadet azzjoni kontra BirdLife.


Il-BirdLife Malta għanda tieqaf timmaġina li l-għasafar tal-passa jappartjenu lilhom biss u r-riċerka m’għandha tkun monopolju ta’ ħadd.  Kull enita’ u individwu, inkluż universitajiet għandhoma dritt jagħmlu r-riċerka.  Aħna, l-kaċċaturi u n-nassaba, ukoll għandna dritt ngħamlu r-riċerka bil-kontribut tagħna hekk imsejħa ‘Citizen Science’.  Din mhux l-ewwel darba li BirdLife aġixxiet b’dan il-mod.  Kien hemm każi oħra anke fil-konfront ta’ riċerkaturi akkademiċi, tant li l-każ spiċċa għand l-Ombudsman, u kien għalhekk li saret din it-talba mill-FKNK lill-kumitat Ornis.  Dan il-monopolju għandu jispiċċa u se naħdmu biex jispiċċa, iktar u iktar meta qegħdin naraw din it-tip ta’ attitudni.  Fl-aħħar snin BirdLife Malta saħansitra provat timmina riċerkaturi li wrew interess fir-riċerka għall-għasafar f’Malta li ssir f’perjodu stabbilit.  Dan għall-kuntrarju tal-iskema tal-BirdLife li ssir is-sena kollha, lejl u nhar u fejn iridu, inkluż ġo santwarji, mill-15-il bird ringer akkreditati magħha liċenzjati mill-istess WBRU.


Din hi sitwazzjoni ma tistax tibqa’ sejra hekk.  Qed isir kollox b’konformita mal-liġijiet u b’għaqal biex pajjiżna jonora l-obbligi tiegħu u jkollna suċċess bir-riċerka għall-għasafar tal-għana.  Hu inaċetabbli li għandna entità f’pajjiżna li hi obbligata li tikkopera u tgħażel li ma tikkoperax, saħansitra tisfida lill-gvern Malti.  Illum qed nesponu din l-attitudni, u se nibqgħu ninsistu sakemm is-sitwazzjoni tiġi rimedjata billi naslu fejn kull fejn huwa meħtieġ.


96 views0 comments

Comments


bottom of page